Malta se tibqa’ taħdem biex timxi iżjed ’il quddiem fl-avvanz tal-libertajiet ċivili.
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt il-ftuħ tat-tieni ġurnata tal-konferenza li ttrattat id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ bħala parti integrali mill-attivitajiet kollha li qed isiru matul l-għaxart ijiem tal-EuroPride f’pajjiżna.
Għal din il-konferenza attendew diversi parteċipanti li ġejjin minn ħamsin pajjiż differenti. Il-Prim Ministru qal li hi ġurnata fejn irridu niftakru f’dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom biex naslu għal din il-ġurnata b’ugwaljanza u drittijiet għal kulħadd.
II-Prim Ministru saħaq li pajjiżna hu kburi li sena wara l-oħra għal tmien snin konsekuttivi baqa’ fl-ewwel post tal-indiċi ta’ ILGA Europe u se jibqa’ impenjat li jibqa’ fil-quċċata, għax pajjiżna ma jista’ qatt jiddiskrimina kontra xi ħadd, inkluż għas-spejjeż tal-komunità LGBTIQ+.
Innota kif, fl-aħħar xhur, il-Gvern kompla jagħmel passi oħrajn notevoli bħall-bidla li neħħiet att ta’ diskriminazzjoni fid-donazzjoni tad-demm biex b’hekk il-parametri li jirregolaw l-għoti tad-demm ġew ugwali għal kulħadd.
Dan apparti mill-ħidma kontinwa tal-manifest ‘Malta Flimkien’, li introduċa leġislazzjoni ġdida li mediċini essenzjali fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-HIV ikunu parti mill-formularju nazzjonali tal-mediċini.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser ukoll kif bħalissa għaddejja ħidma u ġie identifikat sit għal-LGBTIQ+ hub biex taħt saqaf wieħed jingħataw servizzi importanti għall-persuni LGBTIQ+, minn addoloxxenti għal persuni akbar fl-età.
Fl-aħħar il-Prim Ministru Robert Abela indirizza l-komunità LGBTIQ+ u qal li kulħadd f’pajjiżna hu aċċettat u Malta hi kburija li qed tilqa’ fiha ċelebrazzjoni ta’ mħabba u rispett favur l-ugwaljanza permezz tal-EuroPride Valletta 2023.
Sellem lill-attivisti u lill-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet ċivili u li jwasslu messaġġ favur l-ugwaljanza. Qal li Malta hi pajjiż ħieles fejn wieħed jista’ jgħix kif fil-fatt iħoss li hu u jista’ jibni familja.