Malta ppreżentat dikjarazzjoni biex tkun inkluża fil-minuti tal-Kunsill Ewropew għall-Ambjent, hekk kif il-Ministri tal-Ambjent iddiskutew pożizzjoni komuni dwar proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Urban Wastewater, qabel taħditiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej.
Filwaqt li appoġġjat l-għanijiet tad-direttiva, li għandha l-iskop li tillimita l-antibijotiċi, il-pestiċidi, il-farmaċewtiċi u l-mikroplastika li jispiċċaw fid-drenaġġ, Malta qajmet tħassib dwar l-impatt li jista’ jkollha din id-Direttiva għall-farmaċewtiċi fuq il-pazjenti.
Fil-Lussemburgu, il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli sostniet li jrid ikun hemm is-salvagwardji kollha biex il-pazjenti ma jiġux affettwati b’mod negattiv.
Il-Ministru Dalli qalet li “Malta qiegħda tappella lill-Kummissjoni Ewropea b’mod partikolari, għax irridu naċċertaw ruħna li meta nkunu qed inħarsu l-integrità ambjentali, bl-istess mod naraw li l-pazjenti, u allura l-prezz tal-mediċini, ikun qiegħed jiġi protett ukoll. Qegħdin ninsistu proprju dwar dan, għax ma rridux li jkollna piżijiet żejda fuq l-aktar vulnerabbli – il-pazjenti tagħna.”
Hi kompliet li, waqt in-negozjati li se jkun hemm mal-Parlament Ewropew, hu importanti li l-pazjenti u l-ħtiġijiet tagħhom jibqgħu fiċ-ċentru tad-diskussjoni.