Il-grupp ta’ żgħażagħ Ġermaniżi, taħt l-isem ta’ MOUZ, ġie inkurunat bħala r-rebbieħ tad-dsatax-il edizzjoni tal-ESL Pro League, kampjonat internazzjonali tal-gaming li ttella’ f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan fl-aħħar jiem.
Dan il-kampjonat għalaq b’rebħa spettakolari l-Ħadd, bil-grupp MOUZ jegħleb lit-tim Vitality bl-iskor ta’ tlieta b’xejn u biex b’hekk ħadu wkoll il-premju abbundanti ta’ mija u sebgħin elf dollaru Amerikan.
MOUZ, li kien ukoll iċ-champion renjanti, żamm it-titlu għal sena oħra, it-tielet darba, wara li wkoll kienu rebħu l-għaxar edizzjoni tal-kompetizzjoni.
Jirriżulta li l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet segwita minn aktar minn tliet mija u sebgħin elf spettatur minn madwar id-dinja, b’folla mdaqqsa wkoll ta’ partitarji li waslu fostna minn madwar 40 pajjiż differenti, li wkoll segwew l-aqwa sitt timijiet fil-fażi finali.
Dan il-kampjonat hu parti minn kompetizzjoni akbar, bl-isem tal-Intel Grand Slam V, li ġġorr il-premju finali ta’ miljun ewro.