Għall-ewwel darba, Malta qed tospita l-Forum Mediterranju dwar l-Ilma, bis-sehem ta’ Ministri u Aġenziji tal-Immaniġġjar tal-Ilma minn pajjiżi Mediterranji u organizzazzjonijiet reġjonali fil-Mediterran.
Dan il-forum se jservi ta’ pjattaforma għat-tħejjija tar-reġjun tal-Mediterran qabel id-disa’ edizzjoni tal-Forum Dinji dwar l-Ilma li se jsir f’Marzu li ġej.
Id-diskussjonijiet għandhom l-għan li jidentifikaw proposti b’saħħithom fuq l-immaniġġjar tal-ilma u prattiċi sostenibbli, biex imbagħad jiġu ppreżentati f’Dakar.
Dan il-forum qed isir f’Malta grazzi għall-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, b’kollaborazzjoni ma’ diversi awtoritajiet tal-immaniġġjar tal-ilma fir-reġjun tal-Mediterran.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega kif diversi esperti minn madwar il-Mediterran se jiltaqgħu taħt saqaf wieħed f’pajjiżna.
Qal, “Diversi esperti minn pajjiżi fil-Mediterran ser ikunu qed jagħrblu u jagħżlu soluzzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ bidla u ta’ titjib fl-immaniġġjar ta’ din ir-riżorsa madwar id-dinja kollha, Malta għandha wkoll x’toffri f’dan ir-rigward u se nkunu qed noffru s-soluzzjonijiet li żviluppaw f’pajjiżna sabiex ikunu parti mill-isforz globali sabiex ikollna protezzjoni aħjar tar-riżorsa tal-ilma.
Fil-ftuħ ta’ dan il-Forum, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli spjegat kif il-gżira Maltija għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-kultura Mediterranja tal-ilma.
Spjegat, “Fil-Mediterran għandna sfidi komuni imma jeżistu wkoll opportunitajiet u din il-konferenza, dan il-forum jagħtina l-opportunità li niddiksutu flimkien soluzzjonijiet possibbli.”