Fil-marġini ta’ numru ta’ laqgħat li qed isiru f’Londra għall-Commonwealth Days 2023, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ospita laqgħa għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ Stati Gżejjer Żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS).
Għal din il-laqgħa attendew ukoll, f’isem is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS), id-Direttur Belen Carbonell Martinez kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Patricia Scotland.
Waqt din il-laqgħa l-Ministru Borg tkellem dwar kif l-istati gżejjer żgħar huma fost l-ewwel li qed iħossu r- riperkussjonijiet tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari f’ċertu żoni ġeografiċi minħabba l-livell tal-baħar. Huwa kompla jgħid kif b’din il-laqgħa Malta, bħala membru tal-Commonwealth u anke tal-Unjoni Ewropea, tixtieq tkattar aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet biex jaħdmu aktar id f’id ħalli l-miri ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) jintlaħqu.
Il-Ministru Ian Borg ħa l-okkażjoni wkoll biex jispjega l-inizjattiva nazzjonali “Island for Islands” li hija mmirata lejn aktar kollaborazzjoni ma’ gżejjer stati żgħar biex Malta tkun tista’ tgħin u taqsam l-esperjenzi tagħha ma’ pajjiżi oħra.
Għal din il-laqgħa organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċ attendew il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Bahamas, ir-Repubblika Dominicana, il-Ġamajka, Mauritius u Nauru. Filwaqt li għal Saint Kitts u Nevis attenda l-Ministru tal-Enerġija u għall-Grenada, Antigua and Barbuda u Fiji attendew il-Kummissarji Għoljin tagħhom ġewwa r-Renju Unit.