Il-ġimgħa d-dieħla, bejn is-17 u t-18 ta’ Jannar, pajjiżna se jorganizza d-Djalogu 5+5 magħruf ukoll bħala d-Djalogu tal-Mediterran tal-Punent.
Din il-laqgħa informali ġġib flimkien lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin taż-żewġt ixtut tal-Mediterran tal-Punent – Franza, l-Italja, Malta, il-Portugall, u Spanja min-naħa tal-Ewropa, u l-Alġerija, il-Libja, il-Marokk, il-Mawritanja u t-Tuneżija min-naħa tal-Afrika ta’ Fuq.
Ma’ dawn jingħaqdu wkoll numru ta’ osservaturi: l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tal-Mediterran, l-Unjoni tal-Magħreb Għarbi, l-Assemblea Parlamentari għall-Mediterran, u l-Fondazzjoni Anna Lindh.
Il-laqgħa Ministerjali f’Malta, bit-titlu “Working Together: a Sustainable Future for the Western Mediterranean” se tinkludi temi bħaż-żgħażagħ, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-qagħda fil-Libja, u l-paċi fil-Lvant Nofsani.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela spjega kif il-ħsieb wara l-5+5 kien u għadu li jkun hemm koperazzjoni ikbar bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Magħreb, bil-għan li jissaħħu l-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali fil-Mediterran, u jissaħħu d-diskussjonijiet biex jintlaħaq qbil fuq sitwazzjonijiet li jgħaddu minnhom dawn il-pajjiżi ġeografikament tant qrib xulxin.