Għall-ewwel darba, pajjiżna qiegħed jospita l-Green Vision Summit and Expo. Din il-konferenza qiegħda tlaqqa’ ’l fuq minn 650 delegat barrani u 40 mistednin distinti mill-Iżlanda, il-Portugal, ir-Renju Unit, il-Ghana, il-Ġermanja, l-Indja, u oħrajn.
Dan is-summit qiegħed ilaqqa’ esperti barranin ma’ dawk lokali biex jiddiskutu dwar kif jistgħu jittrattaw it-tema tas-sostenibbiltà fost is-soċjetà Maltija. Il-ħsieb aħħari huwa li permezz ta’ din l-istess diskussjoni, azjendi privati jkunu jistgħu b’mod tanġibbli jadvokaw prattiċi sostenibbli fl-operat tagħhom ta’ kuljum.
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li s-sostenibbiltà hija kruċjali b’mod partikolari fejn tidħol l-industrija tat-turiżmu. “Il-viżjoni aħħarija tagħna hija li sal-2030 nibnu mudell turistiku bbażat fuq il-kwalità, l-awtentiċità u s-sostenibbiltà. Għal dan il-għan waqqafna l-ewwel Osservatorju tat-Turiżmu Malti fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li jħares l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Maltija għat-Turiżmu, li jinkludi wkoll qafas ta’ inizjattivi sostenibbli,” saħaq il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti faħħar ir-rwol tal-Aġenzija Żgħażagħ u l-MCST fl-appoġġ ta’ inizjattivi bħall-Green Vision, fejn qed jagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ sabiex ikomplu jrawmu l-innovazzjoni. “Iż-żgħażagħ tagħna mhumiex biss il-mexxejja ta’ għada; imma huma dawk li jfasslu l-bidla tal-lum. Permezz tal-kreattività u d-determinazzjoni bla heda tagħhom, huma qed jixprunaw il-progress b’modi li jispirawna speċjalment fis-settur tal-iżvilupp sostenibbli,” kompla jgħid is-segretarju parlamentari.