Matul dan it-tmiem il-ġimgħa, Malta bdiet tospita l-Ukraine Peace Formula, fuq talba tal-President Ukren, Volodymr Zelensky.
Għal din il-laqgħa għolja qed jattendu madwar sittin delegat għoli minn pajjiżi differenti, fosthom minn pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti, il-Ġermanja, Franza, l-Arabja Sawdija u t-Turkija.
Il-Gvern Malti huwa rrappreżentat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.
F’messaġġ irrekordjat li għadda waqt din il-laqgħa għolja, il-Prim Ministru Malti, Robert Abela qal li l-komunità internazzjonali trid taħdem għall-paċi, kemm f’dak li qed jiġri fl-Ukrajna u dak li beda riċentament fil-Lvant Nofsani.
“Today is about building bridges and building understanding. It is about working relentlessly with our partners in Europe, and beyond, to stand up for peace.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela tkellem dwar il-prinċipji tan-newtralità li jħaddan pajjiżna, kontra l-aggressjoni militari, u appella biex dawn il-laqgħat, jixprunaw il-paċi.
“And we will, as effective and credible peacemakers, do our best to play a significant role in actively promoting peace and security, including through meetings like we have today.”
Robert Abela – Prim Ministru
Fid-diskors tal-ftuħ ta’ dawn id-diskussjonijiet importanti, il-Ministru Ian Borg sostna li pajjiżna se jkompli juri l-appoġġ tiegħu bil-għan li terġa’ tirrenja s-sovranità u l-integrità territorjali fl-Ukrajna.
Il-Ministru Borg tenna li din il-laqgħa hija turija b’saħħitha ta’ fiduċja; li Malta tista’ sservi bħala pont għall-paċi. Kompla jgħid kif dan juri l-appoġġ li d-dinja qed turi lejn l-Ukrajna u l-poplu tiegħu.
Il-Gvern Malti nnota wkoll l-apprezzament tal-pajjiżi li pparteċipaw għall-inizjattiva ta’ Malta biex tospita dawn id-diskussjonijiet.