Malta offriet li tospita taħditiet ta’ paċi dwar is-sitwazzjon fil-Libja.
Stqarrija tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qalet li l-offerta ta’ Malta saret wara laqgħa straordinarja tal-Kunssill għall-Affarjiet Barranin il-Ġimgħa fi Brussel fuq talba tar-Rappreżentant Għoli u Viċi-President Josep Borrell Fontelles.
Matul id-diskussjoni dwar il-qagħda fil-Libja, Malta esprimiet tħassib qawwi dwar l-iżviluppi attwali madwar il-kriżi fil-pajjiż ġar ta’ Malta u affermat mill-ġdid il-konvinzjoni tagħha li l-unika triq ‘il quddiem hija soluzzjoni politika u diplomatika bbażata fuq il-proċess tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Malta tenniet li ma taqbilx ma’ interventi barranin fil-Libja u ssieħbet fis-sejħa għal tneħħija mill-eskalazzjoni fil-Libja u madwarha.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li s-soluzzjoni għall-paċi, is-sigurtà, l-stabbiltà u l-prosperità fil-Libja titlob waqfien mill-ġlied li jtul. Sostna li huwa l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li għandu ċ-ċavetta għal din is-soluzzjoni.
Matul il-laqgħa, Malta sostniet li l-komunità internazzjonali għandha titkellem b’vuċi waħda għall-ġid tal-poplu Libjan biex jitħares il-bilanċ delikat ta’ sigurtà u stabbiltà li bħalissa jipprevali fir-reġjun.
F’dan il-kuntest, u b’appoġġ għall-Proċess ta’ Berlin li għaddej bħalissa u li mistenni jwassal għat-tlaqqigħ ta’ summit fil-ġimgħat li ġejjin, Malta offriet li tassisti fil-proċess bit-tmexxija ta’ taħditiet li għandhom il-potenzjal li jġibu l-paċi fil-Libja, u l-istabbiltà f’dan ir-reġjun.