Malta offriet li sservi bħala pajjiż medjatur bejn ir-Russja u l-Ukrajna bil-għan li jsiru diskussjonijiet sabiex jiġu miftehma t-termini għall-waqfien mill-gwerra bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg fuq l-RTK.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif fl-aħħar ħinijiet, wara l-laqgħa kkulurita li saret ilbieraħ bejn Trump u Zelensky fil-White House, ikkuntattja l-uffiċjali tal-Istati Uniti u offra s-servizzi ta’ Malta, filwaqt li appoġġja l-appell tal-Prim Ministru Taljan, Giorgia Meloni, biex jibdew taħditiet ta’ paċi.
“Innutajt żewġ statements ta’ Mexxeja. Naħseb importanti dak illi qal il-President Macron fejn fakkar dak illi aħna kontinwament qed ngħidu u nagħmlu illi f’din il-gwerra hemm aggressur wieħed li huwa Putin u l-federazzjoni Russa u hemm vittma illi hija l-Ukrajna u l-poplu Ukren bit-tmexxija tagħha wkoll. Imbgħad, il-messaġġ tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, Meloni fejn ħadet pożizzjoni importanti kif hi qed tgħid kif isma’, iktar milli noqgħodu nagħtu bejnietna, għaliex jekk jinqasam il-Punent, nafu min igawdi, ejja nfittxu niltaqgħu u niddiskutu d-diversi temi u nibdew bl-Ukrajna... Ikkomunikajna ma’ min kellna nikkomunikaw propju wara l-bieraħ filgħaxija illi anke jekk nersqu lejn din il-proposta ta’ Meloni, Malta, bħalma jien ċert li se jagħmlu pajjiżi oħrajn, għandna nkun lesti li noffru spazji fejn anke jsiru dawn it-tip ta’ laqgħat isiru.”
Dr. Ian Borg saħaq li hija ċara li ż-żewġ partijiet jixtiequ li tieqaf il-gwerra imma minkejja dan, ma jistgħux jaslu fi qbil fuq il-kundizzjonijiet li fuqhom għanda tiġi bbażata l-gwerra.
Dwar dan tkellem ukoll il-Prim Ministru fejn saħaq li s-Sibt filgħodu, Borg wassal il-proposta tal-Gvern Malti biex pajjiżna jservi ta’ ċentru għal taħditiet għal paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Dan filwaqt li saħaq li Malta kienet, għadha u tibqa’ promotur tal-paċi.
Qal kif Malta kienet minn tal-ewwel li tkellmet fuq il-bżonn tal-paċi anke meta kien hemm min sostna li l-enfasi hi li tintrebaħ gwerra.
Temm jgħid li fil-gwerra ma hemmx rebbieħa, hija biss il-paċi li tfisser rebħa. U għal rebħa prezzjuża bħall-paċi, l-ebda sagrifiċċju ma huwa kbir wisq