Pajjiżna nieda reġistru ta’ vvjaġġar iffukat fuq inqas impatt fuq il-klima fis-settur tat-turiżmu. Dan fl-isem ta’ SUNx Malta Climate Friendly Travel Registry.
Dan ir-reġistru se jkun qed jattira negozji turistiċi li għandhom ambizzjoni li jagħmlu parti minn dan ir-reġistru u jaħdmu bl-inqas impatt ambjentali possibli.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli waqt li kienet qed titkellem f’konferenza internazzjonali virtwali organizzata minn SUNx Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Mondjali tal-Ivjaġġar u t-Turiżmu, WTTC.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif din l-inizjattiva hija prova oħra importanti li turi kemm Malta hija kommessa li tagħti sostenn lis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-impenn favur bidla fil-klima.
Dan ir-reġistru huwa konformi mal-Green Deal tal-Unjoni Ewropea u mas-sejħa riċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda biex it-turiżmu wara l-era tal-COVID-19 ikun wieħed favur il-klima.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli Carmelo Abela, fejn stqarr li fit-turiżmu nistgħu inkunu sostenibbli bħala pajjiż billi, filwaqt li nkomplu nagħmlu ħilitna ħalli nattiraw aktar turisti u kemm jista ikun niġbdu lejna aktar turisti ta’ kwalita’ minflok kwantita’, għandna nagħmlu dan billi nżommu ċertu prinċipji fil-ħidma tagħna.