Ftit sigħat wara l-attakk mill-Iran fuq Iżrael, il-Presidenza Maltija fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda laqqgħet b’urġenza dan l-organu internazzjonali dwar din is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani li kompliet teskala.
Din il-laqgħa urġenti ntalbet minn Iżrael, permezz ta’ ittra mill-Ambaxxatur Iżraeljan Gilad Erdan lir-Rappreżentatriċi Permanenti Maltija għall-Ġnus Magħquda, Vanessa Frazier, li mexxietha.
Preżenti għal din il-laqgħa fi New York kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, li sostna li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani sejra għall-agħar.
“It’s time to step back from the brink. It’s vital to avoid any action that could lead to major military confrontations on multiple fronts in the Middle East. Civilians are already bearing the brunt and paying the highest price and we have a sharing responsibility to actively engage all parties concerned to prevent further escalation.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres
Dwar il-laqgħa, li tlaqqgħet mill-Presidenza Maltija, ONE News ħa r-reazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg.
“Malta bħala Presidenza rat li ssejjaħ dik il-laqgħa b’mod urġenti, proprju matul il-ġurnata tal-Ħadd waranofsinhar, fejn matulha kien hemm dibattitu mqanqal li, fl-aħħar mill-aħħar, tatna opportunità oħra bħala pajjiż li nwasslu l-messaġġ tagħna. Messaġġ favur inqas tensjonijiet, de-eskalazzjoni, l-importanza li dan il-konflitt ma jinfirixx fir-reġjun u fatturi oħrajn jinvolvu ruħhom.”
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg
F’din il-laqgħa, ir-rappreżentant Iżraeljan talab li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu jimponi kull tip ta’ sanzjonijiet fuq l-Iran qabel ikun tard wisq.
Min-naħa l-oħra, l-Ambaxxatur Iranjan, li kien ukoll preżenti għal din il-laqgħa, tenna li l-azzjoni minn pajjiżu kienet neċessarja u qal li l-Gvern Iranjan ma jridx li jkun hemm gwerra fir-reġjun.
Ir-Rapprezentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell, ħabbar li t-Tlieta se ssir laqgħa straordinarja tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, dwar din is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
Rapporti fil-midja internazzjonali kkwotaw lil uffiċjali fil-White House li qalu li l-President Amerikan Joe Biden avża lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li l-Istati Uniti mhu se tieħu sehem fl-ebda attakk kontra l-Iran.