Is-sena l-oħra, ir-rata tat-tluq bikri mill-edukazzjoni jew it-taħriġ kompla jonqos u nieżel għal 9.6%. Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
B’hekk, issa, Malta tinsab viċin ħafna tal-mira Ewropea li, sal-2030, tnaqqas din ir-rata għal 9%. Ladarba tinsab biss 0.6% ’il bogħod, din il-mira lokali kapaċi tintlaħaq ukoll qabel dakinhar.
Ir-riżultat tal-lum hu ferm aqwa minn kemm din ir-rata kienet fl-2005, li kienet ta’ 33%.
Fl-2012, ir-rata ta’ pajjiżna kienet ta’ iżjed minn 18%, waqt li s-sena l-oħra din naqset bi kważi bin-nofs, b’rata’ ta’ 9.6%.
L-aħħar ċifri tal-Eurostat juru li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hi aħjar minn dik ta’ pajjiżi oħrajn, bħall-Italja, l-Ungerija, id-Danimarka, il-Ġermanja u Spanja, fost oħrajn.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li t-tnaqqis f’din ir-rata għandu implikazzjonijiet b’saħħithom kemm għall-istudenti individwali kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi, għax jirrappreżenta żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà.
Intqal li Malta hi wieħed mill-ftit pajjiżi li, b’mod kostanti, naqqsu din ir-rata fl-aħħar snin.
Mill-2017 ’l hawn, Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis fit-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru responsabbli Clifton Grima nnota li dan ir-riżultat pożittiv hu frott investiment sostnut fi strateġija ta’ prevenzjoni proattiva, b’din tirrifletti l-impenn kollettiv tal-Gvern lejn it-titjib tar-riżultati edukattivi għal kulħadd, anke kif enfasizzat b’mod qawwi fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni sal-2030.