B’investiment ta’ aktar minn €2 miljun, b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej, tħabbar proġett ġdid ta’ konservazzjoni tal-baħar ta’ madwarna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, ingħad li dan il-proġett mill-Gvern, permezz tal-ERA u b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ dipartimenti u għaqdiet, hu msejjes fuq ħames pilastri.
Dawn huma l-użu sostenibbli tal-baħar, ir-riabilitazzjoni tal-ispeċi, l-involviment tas-sajjieda u dawk kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur, it-tisħiħ tal-ħiliet u l-użu ta’ prattiċi responsabbli.
Tkellimna mal-maniġer tal-proġett, Miraine Rizzo.
“Il-proġett qed iħares lejn diversi aspetti tal-baħar, inkluż il-qiegħ tal-baħar jew speċi li hemm f’qiegħ il-baħar, jirrikonoxxi r-rwol, pereżempju, tas-sajjieda fl-immaniġġjar tal-baħar. Qed iħares lejn l-immaniġġjar tal-baħar, kemm min-naħa ta’ użu tal-baħar, kif ukoll min-naħa ta’ restawr ta’ ċerti habitats li joqogħdu fil-baħar.”
Miraine Rizzo, Project Manager
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-importanza ta’ dan il-proġett.
“Issa permezz ta’ dan il-proġett, li jġib flimkien NGOs u sew aġenziji differenti tal-Gvern, qegħdin naraw li nkomplu nħarsu l-integrità ambjentali tal-baħar marittimu, filwaqt li nkunu qegħdin naraw li hi dik l-attività ekonomika li ma tkunx qed tagħmel ħsara lill-ambjent ta’ madwarna, imma tkun qed tagħmel ġid.”
Il-Ministru Miriam Dalli