Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg iltaqa’ ma’ Sviatlana Tsikhanouskaya, il-Kap tal-Kabinett Transitorju Magħqud tal-Belarus.
Fi stqarrija mill-Ministeru ntqal li l-laqgħa enfasizzat l-appoġġ bla waqfien ta’ pajjiżna għall-isforzi bla heda tal-forzi demokratiċi tal-Belarus.
Il-Ministru Ian Borg sostna l-impenn sod ta’ pajjiżna għaż-żamma tal-istat tad-dritt, il-libertajiet bażiċi u d-drittijiet tal-bniedem.
Filwaqt li esprima tħassib serju dwar l-azzjonijiet dejjem aktar ripressivi tar-reġim ta’ Lukashenko, inkluż intimidazzjoni, sfurzar, vjolenza, u arresti arbitrarji, il-Ministru Borg sostna li “Malta hija solidali mas-soċjetà ċivili tal-Belarus u l-midja indipendenti.
Il-Ministru Borg sostna li Malta ttenni s-sejħa tagħha għall-ħelsien immedjat u r-riabilitazzjoni effettiva tal-priġunieri politiċi kollha fil-Belarus u tikkundanna l-involviment tar-reġim ta’ Lukashenko fl-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna.
Intqal li Malta hi impenjata li tippromwovi impenn aktar profond mal-partijiet interessati demokratiċi fil-Belarus.
Il-Kap tal-Kabinett Transitorju Magħqud tal-Belarus, Tsikhanouskaya rringrazzjat lill-Ministru Ian Borg għall-istedina tiegħu biex tagħmel żjara ta’ xogħol f’pajjiżna. Hija rringrazjat lill-Malta wkoll tal-kontribuzzjoni li għamlet għall-grupp ta’ kuntatt tal-Belarus fil-Kunsill tal-Ewropa.