Waqt li kien qed jattendi għal-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth f’Londra, ir-Renju Unit, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kompla jwassal il-messaġġ li tkompli tkun sostnuta l-inizjattiva ‘Island for Islands’.
Il-Ministru Borg spjega kif Malta, anke permezz tal-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, kompliet tadvoka dwar il-bżonn ta’ aktar inizjattivi għall-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw minħabba l-impatt ekonomiku u soċjali fost oħrajn tat-tibdil fil-klima. Huwa kompla jgħid kif l-inizjattiva li bdiet Malta tal-‘Island for Islands’ se tibqa’ tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-politika barranija ta’ pajjiżna.
Matul din il-laqgħa, il-Ministru Borg intervjena wkoll dwar il-bżonn ta’ soċjetà li tkun aktar reżiljenti għall-paċi u dak li huwa ġust. Huwa faħħar l-impenn li qed tieħu l-Commonwealth sabiex tassisti numru ta’ stati biex ikollhom demokrazija b’saħħitha u fakkar kif Malta permezz tal-Vot16 rat kif tkompli tespandi l-opportunità li aktar nies isemmu leħinhom fis-soċjetà. Huwa qal ukoll li anke fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda Malta imbuttat ħafna wkoll l-importanza tal-irwol attiv tan-nisa fis-soċjetà.
Il-Ministru pparteċipa wkoll fit-62 laqgħa tal-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth wara li Malta ġiet magħżula biex tkun parti f’dan il-Grupp ta’ Azzjoni fl-aħħar CHOGM li sar ġewwa r-Rwanda.
Fil-marġini ta’ dawn il-laqgħat, il-Ministru Borg kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tar-Renju Unit għall-Ewropa Leo Docherty. Ġiet diskussa l-implimentazzjoni tal-ftehim li kien iffirmat ftit ġimgħat ilu mas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin James Cleverly f’Malta u anke l-ftehim ta’ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.