Tliet delegazzjonijiet min-Nazzjonijiet Magħquda, mill-Isvizzera u mill-Afrika t’Isfel jinsabu f’pajjiżna sabiex f’jumejn u nofs jagħmlu evalwazzjoni fuq Malta dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-korruzzjoni.
Tul dawn il-jiem, Malta se tkun qed tipprovdi l-informazzjoni neċessarja lil din id-delegazzjoni filwaqt li tisħaq l-impenn tagħha li timplimenta dispożizzjonijiet mill-konvenzjoni bil-għan li tkun miġġielda l-korruzzjoni.
Malta rratifikat l-istess konvenzjoni lura fl-2008, u sa issa ġiet evalwata minn Spanja u l-Kambodja dwar l-implimentazzjoni ta’ Kapitolu Tlieta li għandu x’jaqsam mal-infurzar tal-liġi u l-kriminalizazzjoni kif ukoll dwar Kapitolu Erbgħa li titratta dwar Koperazzjoni Internazzjonali.
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-evalwazzjoni kien hemm il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi fejn semma kif il-korruzzjoni hija pjaga tas-soċjetà. Huwa fisser kif b’evalwazzjonijiet ta’ din ix-xorta Malta ser tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tikkombatti l-korruzzjoni u fl-istess waqt minn din l-analiżi pajjiżna ħa jkun qiegħed jitgħallem dwar l-aqwa prattiċitajiet u esperjenzi mingħand pajjiżi oħra.
Minkejja li din id-darba l-analiżi hija fuq Malta, pajjiżna kien ukoll parteċipi f’eżerċizzju ta’ din ix-xorta fi stati oħra. Tkellimna f’aktar dettal mal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi fejn semma kif b’ analiżi ta’ din xorta, Malta ser tkun qed issaħħaħ il-qafas legali tagħha:
“Aħna għamilna din ir-review, u llum imiss lilna li jiġu minn barra u jagħmlu review fuqna. Inħarsu lejn dawn l-eżercizzji b’mod tajjeb ħafna, u pożittivi għaliex joħorgu ideat tajbin ħafna. Nemmnu fir-rule of law, nemmnu li rridu nkomplu ntejbu biex insaħħu t-tessut legali ta’ pajjiżna”.
Eżerċizzju ta’ din ix-xorta huwa mezz li jsaħħaħ l-liġi dwar is-saħħa tad-dritt. Dan hekk kif minkejja li jkun hemm evalwazzjoni, pajjizna ser ikun f’qagħda li jkompli jiġġieled il-kriminalita’ kontra l-korruzzjoni.