Malta ġiet fl-14-il post tal-Eurovision Song Contest u mhux fis-16-il post.
Dan wara stqarrija uffiċjali tal-European Broadcasting Union minħabba żball fil-votazzjoni tal-Belarus.
Filfatt l-ambaxxatriċi Maltija Michela Pace kisbet 107 punti, 12-il punt iżjed minn dak li oriġinarjament kisbet f’Tel Aviv nhar is-Sibt li għadda.
Minkejja dan it-tibdil, l-ewwel erba’ postijiet fil-klassifika ma nbidlux.
L-EBU qalet li l-voti tal-ġurija tal-Belarus ġew dikjarati invalidi wara li dan il-pajjiż żvela kif ivvota fl-ewwel semifinali.
Għalhekk, għall-finali, l-EBU ħa riżultat approssimattiv tal-pajjiżi li vvutaw b’mod simili, biex jieħu post il-votazzjoni tal-ġurija tal-Belarus.
Wara evalwazzjoni li dejjem tagħmel l-EBU ġie nnutat żball fir-riżultat approssimattiv u għalhekk dan ġie rranġat.
L-EBU temmet tgħid li ddispjaċiha għal dan l-iżball u saħqet li l-vot m’affettwax dak tal-pubbliku.
Din t’hawn taħt hija l-klassifika finali:
01. Olanda – 498 punt
02. Italja – 472 punt
03. Russja – 370 punt
04. Svizzera – 364 punt
05. Svezja – 334 punt
06. Norveġja – 331 punt
07. Maċedonja ta’ Fuq – 305 punti
08. Ażerbajġan – 302 punti
09. Awstralja – 284 punt
10. Iżlanda – 232 punt
11. Repubblika Ċeka – 157 punt
12. Danimarka – 120 punt
13. Ċipru – 109 punti
14. Malta – 107 punti
15. Slovenja – 105 punti
16. Franza – 105 punti
17. Albanija – 90 punt
18. Serbja – 89 punt
19. San Marino – 77 punt
20. Estonja – 76 punt
21. Greċja – 74 punt
22. Spanja – 54 punt
23. Iżrael – 35 punt
24. Belarus – 31 punt
25. Ġermanja – 24 punt
26. Renju Unit – 11-il punt