Malta telgħet fis-sitta u tletin post minn mija sebgħa u sittin pajjiż minn madwar id-dinja fir-ranking tas-Sustainable Development Goals. Dan ħareġ mir-rapport annwali li juri l-progress li sar fil-miri sal-elfejn u tletin mill-Ġnus Magħquda dwar l-iżvilupp sostenibbli.
F’dan ir-rapport li juri l-progress li sar mill-pajjiżi f’dawn il-miri, Malta ġabet punteġġ ta’ 77 minn 100. Hawnhekk il-medja tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran u pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa hi ta’ 70.6.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll kif Malta għandha miri li laħqet jew kważi laħqithom, fosthom dawk li neħħi kompletament il-faqar, saħħa tajba, edukazzjoni ta’ kwalità u bliet u komunitajiet aktar sostenibbli.
F’temp ta’ sena, pajjiżna rreġistra titjib sostanzjali f’dawn il-miri tal-Ġnus Magħquda. Dan hekk kif is-sena l-oħra, Malta kklassifikat fil-41 post, b’punteġġ totali ta’ 75.5.
Dwar din l-aħbar tkellmet il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli fil-Parlament.
“Filwaqt li nirrikonoxxu li bħal kull pajjiż ieħor għad fadallina ħafna sfidi li rridu nindirizzaw, però jidher li hemm sinjali ta’ titjib f’numru tal-għajnijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Hawnhekk il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan hu riżultat pożittiv, li qed jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex sal-elfejn u tletin jinkisbu l-għanijiet u l-miri stabbiliti mill-Ġnus Magħquda.
Il-Ministru Dalli qalet li dan qed assigurat ukoll bl-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli – strateġija ambizzjuża li tista’ tikseb ir-riżultati jekk kulħadd jagħti s-sehem tiegħu.