Malta uffiċjalment tefgħet l-offerta tagħha biex l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tibda topera minn pajjiżna.
Aġenzija li bħalissa qed taħdem minn Londra, imma li fid-dawl ta’ Brexit se jkollha tiċċaqlaq għal belt oħra Ewropea.
Għaldaqstant Malta se tingħaqad ma’ bosta pajjiżi li wrew ix-xewqa u l-interess li jkunu huma li jilqgħu din l-aġenzija.
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini hija responsabbli mill-evalwazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ ta’ sigurtà tal-mediċini żviluppati minn kumpaniji farmaċewtiċi għall-użu fl-Unjoni Ewropea.
Pajjiżna qed juri r-rieda li jilqa’ din l-Aġenzija, għaliex il-Gvern jemmen li pajjiżna joffri bosta vantaġġi: faċilità ta’ komunikazzjoni b’numru ta’ lingwi, ħaddiema mħarrġa u infrastruttura tal-informatika b’saħħitha, kif ukoll vantaġġi għall-ħaddiema, fosthom servizz tas-saħħa u tal-edukazzjoni b’xejn u ta’ kwalità, aċċess għal attivitajiet sportivi u kulturali, distanzi qosra ta’ vjaġġar u konnettività eċċellenti bl-ajru, u temp mill-aqwa. Kif spjegat il-Ministru Helena Dalli.
“Dan hemm 900 ħaddiema li jaħdmu f’din l-aġenzija, apparti li jkollhom kuljum madwar 300 persuna li tiġi għal meetings fl-aġenzija ta’ kuljum, imorru u jiġu. Pero huma qed jagħtu importanza ħafna lill-ħaddiema tagħhom li jaħdmu hemmhekk fejn jixtiequ jmorru huma. Ovvjament dawn jiġu bil-familji tagħhom. Trid tara għal skejjel, kwalità ta’ ħajja, fejn iħussuhom siguri u aħna naħsbu li ħafna minn dawk il-punti pajjiżna jaf ikun perfett,” qalet dan il-Ministru Dalli.
Għal din l-Aġenżija, il-Gvern Malti qed joffri binja state-of-the-art apposta għaliha, b’ambjent u teknoloġiji li jwieġbu għall-isfidi tal-preżent u tal-ġejjieni. Dan b’investiment li mistenni jlaħħaq mal-ħamsin miljun ewro.
L-offerta qed titpoġġa anke fid-dawl tal-avvanzi li qed tagħmel l-awtorita tagħna tal-Medicini u x-xoghol li qed taghmel fuq livell ewropew u internazzjonali.
Kien spjegat li f’dan l-istadju Malta qed turi l-interess sħiħ tagħha li jkollha lil din l-Aġenzija f’pajjiżna. Deċiżjoni li però ma tiġix minn pajjiżna, hekk kif il-kompetizzjoni minn pajjiżi oħra hija kbira.
Minn naħa tiegħu mal-offerta tiegħu ħareġ pubblikazzjoni li tispjega f’ċertu dettall għaliex Malta għandha tkun l-għażla tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.