Malta qed tistenna ftehim ġust dwar il-baġit Ewropew li jmiss u l-fond ta’ rkupru biex jindirizza kwistjonijiet li jolqtu lil pajjiżna.
Saħaq dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali, li fih iltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Ewropej.
Il-laqgħa saret bħala l-aħħar preparamenti għall-Kunsill Ewropew li se jsir nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej.
L-għan tal-Kunsill Ewropew huwa li jingħalaq il-baġit Ewropew għas-snin 2021-2027 u l-pjan ta’ rkupru li se jindirizza l-pandemija tal-Covid-19.
Zrinzo Azzopardi saħaq li Malta m’għandhiex tkun penalizzata għall-iżviluppi fir-rigward tal-fond tal-irkupru, iżda dan għandu pjuttost iservi ta’ xprun għal aktar tkabbir.
Semma li filwaqt li l-ħtiġijiet tal-istati gżejjer ġew riflessi fl-aħħar proposti, għad hemm kwistjonijiet oħra mhux solvuti.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi stqarr: “Għamiltha b’mod l-aktar ċar li pajjiżna jixraqlu baġit u anke pjan ta’ rkupru li jgħin biex aħna nkomplu niżviluppaw pajjiżna ‘l quddiem u nkomplu ninvestu għall-futur. Żgur li pajjiżna m’għandux jiġi penalizzat minħabba s-suċċessi li ksibna fl-aħħar seba’ snin u għalhekk il-ħtieġa ta’ aktar diskussjoni biex dawn iż-żewġ pakketti importanti jkunu ġusti għal pajjiżna.”
Ritratt (MFEA_PS)