Il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja, l-FIAU, ħadem fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-FATF fil-pjan ta’ azzjoni li kellha Malta biex timplimenta.
ONE News tkellem mad-Direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia li qal kif dan sar permezz ta’ ħidma konġunta mas-setturi u anke entitajiet f’eżerċizzju li saħħaħ ukoll il-kooperazzjoni.
“Kellna numru ta’ entitajiet soġġetti, rajna ’l fuq minn 900 file, sibna problemi f’inqas minn għaxar files, fuq dawk il-files prattikament ħadna azzjoni, sewwa jekk hix multa jew medjazzjoni eċċ. Fuq l-oħrajn, komplejna naħdmu mas-setturi eċċ. anke b’linji gwida biex niggwidaw lil kulħadd.”
Kenneth Farrugia – Direttur tal-FIAU
Id-Direttur tal-FIAU tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tal-FATF u r-riżultat li kisbet Malta fi żmien rekord.
Semma wkoll il-ħidma fuq strateġija għall-erba’ snin li ġejjin.
“Naħseb illum għandna timbru li prattikament, Malta ttikjat il-kaxxi kollha li hemm bżonn, mil-lat effettiv mhux biss fuq il-karta, jiġifieri mil-lat ta’ leġiżlattiv, għaliex hemmhekk konna diġà sena ilu. Għalhekk, biex inżommu ma’ dak il-momentum, illum qed naħdmu fuq din l-istrateġija, fejn ħa nkomplu u qed naraw fejn irridu nieħdu lill-FIAU fi żmien erba’ snin oħra.”
Kenneth Farrugia – Direttur tal-FIAU
Lid-Direttur tal-FIAU tkellimna miegħu waqt il-pubblikazzjoni ta’ rapport tal-FIAU, li juri kif sal-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Korp kellu mija u ħmistax-il impjegat, li din is-sena żdiedu għal mija u tletin ħaddiem.
L-istess rapport juri kif is-sena li għaddiet, l-FIAU irċieva ftit aktar minn 7,200 rapport li lkoll ittieħdet azzjoni dwarhom, minn medjazzjoni għal xi każijiet ta’ multi.
“Illum diġà għandna pajjiżi li qed jiġu għandna biex jaraw kif qed inħaddmu ċertu sistemi, jiġifieri, jekk insemmu s-sistema tar-risk assessment tal-entitajiet soġġetti, illum għandna pajjiżi kbar li qed jiġu għandna, qed nurumhom is-sistema u qed jieħdu anke ideat mis-sistemi tagħna. Naħseb dik hija l-way forward tagħna li nkunu role model għal pajjiżi oħra fejn għandu x’jaqsam ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu.”
Kenneth Farrugia – Direttur tal-FIAU