Malta klassifikat fit-tieni post ta’ rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-qagħda edukattiva f’wieħed u erbgħin pajjiż meqjusa bħala sinjuri jew b’saħħa finanzjarja medja.
Minn dan ir-rapport, ippubblikat mill-organizazzjoni fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda li tiffoka fuq it-tfal, il-UNICEF, jirriżulta li hija biss il-Fillandja li kisbet riżultat aħjar minn Malta f’dik li hi kwalità tal-edukazzjoni.
Ir-rapport bit-titlu Building The Future analizza l-mod kif ikunu marru studenti ta’ ħmistax –il sena fil-matematika, ix-xjenza u l-qari.
Stħarreġ ukoll dwar l-aċċess għall-edukazzjoni bikrija.
Fil-fatt dan hu settur fejn ukoll tispikka Malta b’parteċipazzjoni ta’ kważi mija fil-mija tat-tfal.
Ir-rapport jgħid li l-kwantita u l-kwalita ta’ servizzi għal tfal minn tliet snin ‘il fuq ivarja bmod konsiderevoli bejn pajjiżi differenti. U hawn Malta tibrilla tant li tinsab l-ewwel fil-lista.
Wara l-Fillandja u Malta ikklasifikaw il-Korea ta’ Isfel, il-Messiku u d-Danimarka b’ħafna mill-pajjiżi li jagħmluha wara kienu pajjiżi kbar Ewropej.
Ir-rapport iħares lejn bosta oqsma oħra bħal l-obeżità fejn Malta reġgħet irreġistrat waħda mill-ogħla rati fost it-tfal u s-suwiċidji fejn ir-rata f’Malta hija inqas minn dik ta’ pajjiżi oħrajn.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li l-bniet jgħinu fix-xogħol tad-dar iktar mis-subien għalkemm skont din l-analiżi d-differenza f’Malta meta mistħarrġa l-etajiet ta’ tmienja u tnax –il sena hi fost l-inqas minn dawk il-pajjiżi analizzati.