Parteċipazzjoni pożittiva għal Malta waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Weightlifting għall-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Monaco.
Fost l-atleti li spikkaw għal Team Malta kien hemm Tenishia Thornton li waqqfet erba’ rekords nazzjonali fil-kategorija tal-64kg. Fl-iSnatch hija kellha refgħat rispettivament ta’ 85kg, 87kg u 89kg. Thornton għamlet ukoll ir-refgħat fil-Clean and Jerk, 104kg, 107kg, 110kg, għal total ta’ 199kg.
Thornton, flimkien mal-weightlifter l-oħra maltija Roberta Tabone, rebħu d-Doppji tan-Nisa b’refgħat ta’ 87kg fl-Isnatch u 104kg fil-Clean & Jerk għal total ta’ 191kg.
Weightlifter ieħor li spikka kien iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena Rylee Borg li rebaħ l-aqwa atleta Junior b’110kg fis-Snatch u 143kg fil-Clean & Jerk, b’total ta’ 253kg.
Żagħżugħ malti ieħor, Nathan Mifsud rebaħ il-midalja tal-bronż fil-Juniors U20. Mifsud li għad għandu 14-il sena kellu total ta’ 152kg b’piż personali ta’ 51kg. Nathan Mifsud flimkien ma’ Kim Camilleri Lagana’ irnexxielu wkoll itemm fl-ewwel post fil-kategorija Juniors U20.
Intant fl-Individwali, Camilleri Lagana’, refgħet, 59kg fl-Isnatch u 79kg f’Clean & Jerk għal total ta’ 138kg.
Midalja tal-bronż fid-Doppji tal-Irġiel. It-team li kien kompost minn Rylee Borg u Anton Micallef kellu 117kg fl-Isnatch u 138kg fil-Clean & Jerk, għal total ta’ 255kg.
U fil-kategorija Mixed, it-team malti kompost minn Tenishia Thornton, Roberta Tabone, Rylee Borg u Anton Micallef rebaħ il-midalja tal-fidda. Kompetizzjoni li fiha ħadu sehem tmien pajjiżi: Ċipru, Ġibiltà, l-Islanda, Monaco, il-Lussemburgu, il-Gżejjer Faroe u San Marino.