Malta kisbet tieni post mill-isbaħ fil-ħames edizzjoni tal-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħa, wara r-rebbieħa Ċipru u quddiem 15-il nazzjon ieħor grazzi għal sensiela ta’ prestazzjonijiet superlattivi f’Ġibiltà.
F’dan l-avveniment, l-atleti Maltin ikkompetew kontra mhux biss il-pajjiżi li tradizzjonalment jieħdu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iżda wkoll kontra pajjiżi akbar bħall-Ġorġja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Armenja. It-tim Malti temm din il-kompetizzjoni b’total mill-isbaħ ta’ ħames midalji tad-deheb, sitta tal-fidda u tlieta tal-bronż.
L-ewwel midalji tad-deheb tal-ġurnata ntrebħet fil-1500m nisa, minn Gina McNamara li spiċċat quddiem Gresa Bakraci tal-Kosovo u Embla Margret Hreminsdottir tal-Iżlanda. F’ġurnata impenjattiva għal McNamara, l-atleta rebħet ukoll fidda fil-5000m u bronż fit-800m.
Suċċess Malti fil-200m b’doppjetta sabiħa hekk kif Charlotte Wingfield temmet quddiemm Carla Scicluna. Jared Micallef ġab deheb ieħor għal Malta fit-800m, tellieqa tattika li rebaħ b’ħin ta’ 1:52.87 quddiem Pol Moya tal-Andorra.
Iż-żewġ midalji tad-deheb l-oħra waslu mit-timijiet tar-relay, b’kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa joħorġu rebbieħa.
Midalji oħra tal-fidda ntrebħu minn Luke Micallef (3000m steeplechase), Beppe Grillo (100m), Janet Richard (400m) u Rachela Pace (long jump). Carla Scicluna (100m) u Graham Pellegrini (400m) se jiġu lura b’midalja tal-bronż.
Fil-klassifika, Malta kisbet 115-il punt, seba’ biss anqas minn Ċipru u quddiem 15-il pajjiż ieħor.
It-tim Malti kien akkumpanjat mid-Direttur Tekniku Mario Bonello. SportMalta u l-Kumitat Olimpliku Malti taw l-appoġġ tagħhom għal din id-delegazzjoni.



