Illejla fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali, it-tim nazzjonali Malti għeleb lil Ċipru bl-iskor ta’ 3-0.
Din il-logħba kienet valida tal-Grupp H mill-Kwalifikazzjonijiet Ewropej għat-Tazza tad-Dinja tal-2022.
It-tim Malti mmexxi minn Devis Mangia ddomina matul din il-partita, hekk kif it-tim Malti kellu aktar minn 70% tal-pussess tal-ballun.
Kien fl-40 minuta tal-partita, meta d-difensur Ċiprijott, Costas Soteriou tkeċċa wara li qala’ t-tieni karta safra.
Dan wara li waqa’ għalxejn fil-kaxxa sabiex jirbaħ penalty.
Żewġ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima, it-tim nazzjonali Malti mar fil-vantaġġ mill-plejer Cain Attard.
Fil-bidu tat-tieni taqsima, it-tim Malti skurja t-tieni gowl tiegħu wara li Ryan Camenzuli dendel ballun perfett lil Joseph Mbong u dan ma żbalja biex xeħet ġewwa bir-ras.
Fl-54 minuta, Cain Attard skurja t-tielet gowl għat-tim Malti u t-tieni gowl għalih f’din il-partita.
Issa t-tim Malti jmissu jilgħab barra minn daru kontra l-Islovenja nhar is-Sibt li ġej u nhar it-Tlieta li ġej kontra l-qawwa Russa.
B’din ir-rebħa issa Malta għandha erba’ punti u nqalgħet mill-aħħar post fil-grupp u tinsab tliet punti taħt il-Kroazja, li jinsabu l-ewwel fil-klassifika tal-grupp.
Għall-ewwel darba f’din il-partita wkoll intużat is-sistema tal-Video Assisting Referee jew kif inhi magħrufa minn ħafna bħala l-VAR.
Fl-istadium nazzjonali kien hemm preżenti għal din il-logħba madwar 3,500 partitarju.
Din kienet l-ewwel darba wara 18-il xahar li l-partitarji Maltin kienu preżenti fil-grawnd sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom lejn it-tim Malti.
Isegwu din il-partita kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ bintu, Giorgia Mae.
Intant fuq il-midja soċjali, Dr Abela awgura lit-tim nazzjonali Malti għal din il-wirja qalbiena.
Preżenti għal din il-logħba kien hemm ukoll il-President tal-UEFA, Aleksander Čeferin, li aktar kmieni l-Erbgħa inawgura il-wiċċ tal-grawnds ta’ taħriġ f’Ta’ Qali.
AQRA AKTAR:
https://www.one.com.mt/2021/09/01/il-president-tal-uefa-jinawgura-wicc-gdid-tal-grawnds-ghat-tahrig/