“Malta tisħaq għall-paċi fil-Lvant Nofsani.”
Qalet dan ma’ ONE News, ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda, Vanessa Frazier, li kienet preżenti għat-taħdidiet fi New York taħt il-kappa tal-Ġnus Magħquda, bis-sehem tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Iżrael u tal-Awtorità Palestinjana.
Hi qalet, “Il-pożizzjoni ta’ Malta hija dik magħrufa bħala two state solution, fejn iż-żewġ stati jirrikonoxxu lil xulxin u jgħixu fil-paċi ma’ xulxin u jgawdu l-istess drittijiet. Ovvjament ukoll illum qed nistaqsu għall-protezzjoni ta’ nies ċivili speċjalment tat-tfal għax qed naraw ħafna casualties, ħafna mewt ukoll, għalhekk l-ewwel pass li rridu llum huwa ceasefire.”
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, appella lill-Ħamas u gruppi oħra biex jieqfu jisparaw ir-rokits fl-Iżrael, filwaqt li sejjaħ lill-Iżrael biex tirrispetta l-liġijiet dwar il-kunflitt bl-armi.
Uffiċjali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sejħu għal waqfa umanitarja mill-bumbardamenti f’Gaża biex jingħata aċċess biex tidħol l-għajnuna hekk kif is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż qed tikkrolla u qed taffaċċja nuqqasijiet kritiċi.
Mal-mitejn u tletin persuna, fosthom mija li kienu nisa u tfal, inqatlu f’Gaża mindu intensifikaw l-attakki bejn iż-żewġ naħat. Fl-Iżrael mietu tlettax-il persuna, inkluż żewġt itfal.