Jeħtieġ li jkun hemm trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċini kif ukoll aktar djalogu bejn il-gvernijiet Ewropej u r-rappreżentanti tas-settur tal-farmaċewtika u l-għaqdiet tal-konsumaturi Ewropej dwar il-mediċini. Dan kien il-messaġġ li saħaq fuqu d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’laqgħat li kellu fi Brussell mar-rappreżentanti tal-industrija tal-farmaċewtika.
Id-diskussjonijiet mal-industrija tal-farmaċewtika ngħataw spinta ’l quddiem matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn fuq inizjattiva ta’ Malta, ġie stabbilit ukoll il-grupp
li jinkludi fih 10 pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li bejniethom jirrappreżentaw mat-30% tal-popolazzjoni Ewropea.
L-inizjattiva Maltija għandha l-għan li twassal għal mediċini orħos permezz ta’ aktar trasparenza fil-mod kif jiġu negozjati l-prezzijiet bejn il-kumpaniji farmaċewtiċi u l-gvernijiet Ewropej. Dan huwa importanti biex iċ-ċittadini Ewropej, inkluż f’Malta, jibqa’ jkollhom aċċess għall-kura eżistenti kif ukoll għal dik li għad tiġi żviluppata, fl-istess waqt li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu sostenibbli għas-snin li ġejjin.
Id-Deputat Prim Ministru qed jinsisti li kull pajjiż għandu jkun fil-libertà li jiddikjara l-prezzijiet li qed iħallas biex jixtri l-mediċini. Preżentament il-kumpaniji tal-farmaċewtika jipprojbixxu lill-pajjiżi li jippubblikaw il-prezzijiet li jħallsu minħabba interessi kummerċjali. Dan iżda qed iwassal għal diskrepanzi bejn il-prezzijiet li qed iħallsu diversi pajjiżi għall-istess mediċini.
Il-Gvern Malti huwa determinat li jkompli jmexxi din l-inizjattiva għax dan hu fl-interess tal-pazjent, u għalhekk se jkun anke qed jaħdem biex din tkun fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jwassal biex ikun hemm qafas legali għat-trasparenza fin-negozjati bejn il-gvernijiet u l-industrija.