Il-Ministri għall-Affarijiet Ewropej iltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-pandemija u biex isiru t-tħejjijiet għal-laqgħa Speċjali tal-Kunsill Ewropew li se ssir fl-24 u fil-25 ta’ Mejju.
Fl-intervent li għamel f’dan il-Kunsill, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza li sa Ġunju jintlaħaq qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fuq iċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar biex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles ta’ ċittadini Ewropej qabel jibda l-istaġun tas-Sajf.
Huwa saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm flessibilità fl-introduzzjoni taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar biex ikun jista’ jiġi adattat għas-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ kull pajjiż.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll it-tħejjijiet għal-laqgħa Speċjali tal-Kunsill Ewropew li se jittratta l-koordinazzjoni dwar il-COVID-19 kif ukoll it-tibdil fil-klima.
Is-segretarju parlamentari qal li għalkemm Malta taqbel mal-mira Ewropea, ir-realtajiet speċifiċi ta’ pajjiżi gżejjer bħal Malta jeħtieġ li jkunu kkunsidrati.