Waqt li kienet qed tattendi għal-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li r-rispett għall-fruntieri stabbiliti jibqa’ bażi fundamentali tal-liġi internazzjonali. Għaldaqstant, kull tentattiv sabiex dan jinbidel, permezz ta’ theddid u vjolenza, huwa u jibqa’dejjem inaċċettabbli.
Hija tenniet l-appoġġ ta’ Malta għall-Ukrajna u qalet li l-azzjonijiet tar-Russja jmorru kontra l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, liema prinċipji għandhom jibqgħu l-gwida għall-pajjiżi kollha.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg irrimarkat li, fid-dawl tan-newtralità tagħha, Malta setgħet tappoġġja u tikkontribwixxi għall-miżuri ta’ għajnuna tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi permezz ta’ appoġġ mhux letali.
Għad-diskussjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg.