Waqt li kien qed jindirizza t-42 sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO f’Pariġi, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-impenn sod ta’ Malta favur il-paċi, il-multilateraliżmu u l-għaqda u s-solidarjetà fost in-nazzjonijiet.
Quddiem l-isfidi globali li qed jheddu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-Ministru Bonnici saħaq dwar il-ħtieġa ta’ rispons kollettiv għall-promozzjoni ta’ paċi dejjiema.
Huwa esprima dieqa u tħassib serju għat-tbatija u l-kunflitti li għaddejjin bħalissa fir-reġjuni tal-madwar, u saħaq li l-komunità internazzjonali ma tistax tagħlaq għajnejha fejn tidħol vjolenza indiskriminata kontra nies ċivili.
Il-Ministru Bonnici afferma mill-ġdid id-dedikazzjoni ta’ Malta għall-prinċipji taċ-Charter tal-Ġnus Magħquda u l-ħidma attiva favur il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha. Huwa enfasizza l-importanza tal-multilateraliżmu, id-diplomazija, u l-azzjoni kollettiva fl-indirizzar tal-isfidi kumplessi li għandna quddiemna llum, u qal li huwa biss jekk il-komunità internazzjonali tingħaqad flimkien li tista’ mbagħad tinbena reżiljenza wiesgħa u mifruxa.
Il-Ministru Bonnici appella lill-UNESCO biex f’dan il-kuntest toħroġ bħala katalista għall-bidla filwaqt li ħeġġeġ biex jiġu rispettati u mħaddma r-regoli u l-prinċipji universali. Huwa enfasizza l-irwol tal-kultura bħala strument importanti għall-paċi, id-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli.
Huwa qal li l-wirt kulturali diversi drabi jispiċċa fil-mira f’kunflitti armati iżda s-saħħa morali kbira li għandha l-UNESCO tpoġġiha fuq quddiem nett biex ikollha rwol sinifikanti fil-preservazzjoni u s-salvagwardja tal-wirt tanġibbli, intanġibbli u naturali.
Waqt li rrifletta fuq l-istorja ta’ Malta bħala pajjiż li jħeġġeġ id-djalogu u l-paċi, il-Ministru Bonnici semma avvenimenti sinifikanti, fosthom taħditiet ta’ livell għoli u summits ospitati fil-pajjiż. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ddeskrivieha bħala waħda kritika għal multilateraliżmu inklussiv, kemm f’termini ta’ involviment ta’ firxa usa’ ta’ pajjiżi kif ukoll f’termini ta’ konsultazzjoni bis-serjetà mal-partijiet interessati, inkluża s-soċjetà ċivili.
Il-Ministru Bonnici appella għal diskussjoni sinċiera dwar kif nistgħu nassiguraw ir-reżiljenza u l-attitudnijiet favur iktar koperazzjoni biex jiġu indirizzati bl-aħjar mod sfidi preżenti u futuri. Huwa enfasizza r-responsabbiltà kollettiva li jiġi pprovdut ambjent sigur biex id-diversi kommunitajiet jimxu ’l quddiem.
Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi ħeġġeġ l-isforzi globali biex jassistu lill-partijiet l-iktar milquta u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kunflitti.
Il-Ministru Bonnici rrappreżenta wkoll lill-Gvern ta’ Malta fil-Forum dwar il-Paċi ta’ Pariġi, li ttella’ b’mod parallel mal-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO