L-2017 immarkat rekord Ewropew fl-ammont ta’ vjaġġi bl-ajru li saru fl-Unjoni Ewropea.
Statistika tal-Eurostat uriet li matul is-sena li għaddiet, kienu aktar minn biljun persuna li vjaġġaw bl-ajru fl-Unjoni Ewropea. Wieħed u sebgħin miljun persuna aktar mis-sena ta’ qabel.
L-ikbar ammont ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bl-ajru kien irreġistrat fir-Renju Unit, b’mitejn u ħamsa u sittin miljun passiġġier. Dan segwit mill-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja, rispettivament.Isem Malta huwa fil-quċċata tal-pajjiżi li rreġistraw l-akbar żidiet fl-ivvjaġġar bl-ajru.
Filfatt pajjiżna, flimkien mar-Rumanija u l-Kroazja, irreġistra żieda ta’ 18% fil-vjaġġi bl-ajru s-sena l-oħra.
2% biss iktar mill-Islovenja – il-pajjiż li rreġistra l-akbar żieda fl-ivjaġġar bl-ajru fl-2017.
Riżultat pożittiv ferm, peċjalment meta wieħed iqis id-daqs ċkejken ta’ pajjiżna – li juri wkoll il-frott li qed jitħalla mill-investiment ta’ bosta linji tal-ajru li qed iżidu r-rotot u l-frekwenzi ta’ titjiriet minn u lejn Malta.
L-istatistika wriet li l-aktar ajruporti bieżla fl-Unjoni Ewropea s-sena li għaddiet kienu Heathrow f’Londra, Charles de Gaulle f’Pariġi u Schiphol f’Amsterdam, tliet ajruporti li kollha ttir lejhom b’mod regolari l-Air Malta.
Fl-istatistika ħareġ ukoll kif mis-sitt miljun passiġġier li għadda mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-elfejn u sbatax, kważi ħames miljuni u ħames mitt elf vvjaġġaw jew ġew minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li ftit aktar minn nofs miljun oħra vvjaġġaw lejn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.