Is-sena l-oħra ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni mal-erba’ mija u tmenin karti tal-flus foloz, li huwa l-aktar ammont baxx ta’ karti ta’ flus foloz li qatt ġew irreġistrati f’pajjiżna.
Dan in-numru ta’ karti foloz huwa kważi insinifikanti, speċjalment meta jiġu kkumparati mal-kważi għoxrin miljun karti ta’ flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f’pajjiżna.
Huwa numru baxx ukoll anke meta mqabbel mal-ammont ta’ karti foloz maqbuda fiż-Żona Ewro, fejn matul l-istess perjodu ġew irtirati mal-mitejn u għoxrin elf karti foloz.
Skont stqarrija mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-karti tal-għoxrin u l-ħamsin ewro baqgħu l-aktar iffalsifikati matul it-tieni nofs tal-2020, filwaqt li kien hemm żieda ta’ karti tal-ħames u għaxar ewro ffalsifikati.
Minħabba din iż-żieda ta’ ffalsifikar ta’ karti ta’ valur żgħir, il-Bank Ċentrali qiegħed ifakkar lill-pubbliku sabiex jibqa’ viġilanti meta jagħmel tranżizzjonijiet bi flus kontanti u dejjem jiċċekkja għall-karatteristiċi ta’ sigurtà li wieħed isib f’karti tal-flus ġenwini.