Malta kellha l-akbar żieda fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli biex jissaħħnu u jitkessħu d-djar, negozji u postijiet oħrajn.
Skont l-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat għall-2022, jirriżulta li pajjiżna rreġistra żieda ta’ 5.2% meta mqabbel ma’ sena qabel. Dan kien l-ogħla perċentwal irreġistrat minn kull pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea f’dan il-perjodu.
Dan jikkonferma li l-politika tal-Gvern, li jimbotta lejn il-qalba fid-dekarbonizzazzjoni nazzjonali b’investimenti miljunarji biex jiffaċilita din it-tranżizzjoni għall-familji u n-negozji, qed tħalli l-impatt pożittiv tagħha.
Mill-istess statistika Ewropea, jirriżulta li, wara Malta, it-tieni l-akbar żieda kienet dik mil-Lussemburgu bi 2.5%, waqt li l-Irlanda rreġistrat żieda ta’ 1.4%.
Bil-maqlub, fuq in-naħa l-oħra tal-klassifika bi tnaqqis fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli għall-istess għanijiet, kien hemm l-Awstrija bi 2.4% inqas fuq l-2021, is-Slovenja u Ċipru b’1.2% u 1% inqas rispettivament.
Il-Eurostat qal li, fl-2022, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli biex jintuża fit-tisħin jew ksieħ kompliet tiżdied, bil-medja fl-Unjoni Ewropea li hi ta’ inqas minn 25%, żieda ta’ 1.8 punti perċentwali fuq l-2021 meta r-rata medja kienet ta’ 23%.
Dan xorta hu mal-15% inqas mir-rata li laħqet Malta fl-2022 fl-użu tal-enerġija rinnovabbli għal dan il-għan.
Fuq medda ta’ għaxar snin, is-sehem medju tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-Unjoni Ewropea kiber b’6.2%.
Attwalment l-Iżvezja tinsab l-ewwel f’din il-lista b’sehem ta’ aktar minn 69%, segwita mill-Estonja bi kważi 65.5%.
Skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi membri jridu jżidu s-sehem annwali tagħhom ta’ riżorsi rinnovabbli b’mill-inqas f’0.8% bejn l-2021 u l-2025 u b’mill-inqas f’1.1% bejn l-2026 u l-2030.
Dan ifisser li, f’sena waħda biss, fl-2022 Malta kien diġà rnexxielha tilħaq dawn il-miri sa kważi l-2027, ħames snin kmieni.