Malta rreġistrat l-akbar sehem ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’postijiet ta’ akkomodazzjoni f’xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, b’wieħed u disgħin fil-mija.
Dan fisser li l-lukandi u postijiet oħrajn ta’ akkomodazzjoni turistika fostna kienu prattikament ippakkjati f’dan il-perjodu, li sa ftit ta’ snin ilu kienu jkunu kompletament battala.
Dan kien riżultat ieħor pożittiv tal-impenji fil-politika tal-Gvern Malti, li s-sena li għaddiet ukoll irnexxielu jirreġistra wieħed mill-ftit irkupri sħaħ miż-żmien tal-pandemija b’rekord assolut fl-istorja fl-għadd ta’ turisti li żaruna.
Riżultati, li għadhom kemm ġew ippubblikati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, juru li r-riżultat impressjonanti ta’ Malta jitqabbel mal-estrem l-ieħor ta’ pajjiżi bħall-Polonja, ir-Rumanija u l-Ġermanja li kellhom sehem ta’ dsatax u għoxrin fil-mija.
Wara Malta, persentaġġi għoljin ta’ turisti f’postijiet ta’ akkomodazzjoni ġew irreġistrati wkoll f’Ċipru, il-Lussemburgu u l-Awstrija.
L-istess riżultati Ewropej jikkonfermaw ukoll li pajjiżna kellu saħansitra waħda mill-akbar żidiet, dik ta’ wieħed u għoxrin fil-mija mqabbel mal-istess perjodu tal-2023. Dan meta pajjiżi bħal-Litwanja, il-Polonja u l-Greċja rreġistraw żidiet minimi ta’ tlieta fil-mija.
Il-Eurostat qal li fl-ewwel kwart tal-2024, kien hemm iżjed minn erba’ mija u tnejn u ħamsin miljun lejl li qattgħu t-turisti f’akkomodazzjonijiet f’xi wieħed mis-sebgħa u għoxrin stat membru.
Din fisser żieda ta’ sebgħa fil-mija mqabbel mal-istess perjodu sena qabel.
Waqt li Jannar ġew irreġistrati kważi mija u erbgħa u tletin miljun lejl, żieda ta’ tlieta fil-mija fuq l-2023, fi Frar l-Ewropa rreġistrat aktar minn mija u disgħa u erbgħin miljun lejl, li fissru żieda ta’ sitta fil-mija.
Iżjed minn hekk, f’Marzu li għadda l-iljieli żdiedu b’kollox għal aktar minn mija u disgħa u sittin miljun li jsarrfu żieda ta’ disgħa fil-mija fuq l-istess xahar sena ilu.
Il-Eurostat qal li dawn ir-riżultati joħorġu minn tagħrif miġbur kull xahar u huma l-aħjar li ġew irreġistrati mill-2020 lil hawn.