Rappreżentata minn Adrian Casha akkumpanjat mill-kowċ tiegħu Katia Mifsud, Malta rebħet midalja tad-deheb fil-Kampjonati Mondjali tal-Parkinson fit-Table Tennis ġewwa Pula, il-Kroazja.
Wara li nhar Il-Hamis li għadda Adrian Casha flimkien ma’ Marjan Vitanc mis-Slovenja għelbu l-isfida tal-Ingilterra, it-tielet tim tal-Ġermanja u l-Awstrija bl-iskor identiku ta’ 3-0 fil-fażi tal-gruppi, huma komplew il-mixja tagħhom lejn il-finali ta’ dalgħodu permezz ta’ tliet rebħiet oħra. Huma rebħu kontra l-Izrael, ir-Repubblika Ċeka u t-tieni tim tal-Ġermanja bl-iskors ta’ 3-0, 3-0 u 3-1 rispettivament.
Illum fil-finali Casha u Vitanc taw wirja mill-aqwa u għelbu lill-favoriti; il-koppja Ġermaniza Trabalski / Kalkhoff bl-iskor konvincenti ta’ 3-0 sabiex Malta/Slovenja kisbu t-titlu ta’ ċampjins tad-Dinja fil-Men’s Doubles tal-World Parkinson’s Table Tennis Championships.
Aktar kmieni din il-ġimgha Adrian Casha ħa sehem ukoll fil-Kategorija Men’s Singles iżda ma rnexxilux jgħaddi mill-fażi tal-gruppi. Madankollu huwa rnexxielu jikseb rebħa drammatika fil-partita ta’ konsolazzjoni kontra l-Izraelit Ronen Stein bl-iskor ta’ 3-2.
Din kienet it-tielet edizzjoni ta’ dawn il-Kampjonati Mondjali wara dawk li saru f’New York u Berlin fis-sentejn li għaddew.
B’atleta u uffiċjal wieħed, Malta kellha l-iżgħar kontinġent fost l-20 pajjiż minn 4 kontinenti li ppartecipaw.