• Ġibna fix-xejn l-isfidi tal-Iżlanda u l-Montenegro
It-tim Nazzjonali tar-Rugby tal-Irġiel għadhom kemm ġew inkurunati champions tar-Rugby Europe Sevens, Men’s Conference 2. Dan wara li fil-finali għelbu lill-Montenegro bl-iskor ta’ 19-0.
Malta spiċċat l-ewwel fi grupp B wara li rebħet tlieta minn daqstant logħbiet. Imbagħad fis-semifinali għelbet lil Iżlanda 19-0 biex fil-finali ħarġet rebbieħa fuq il-Montenegro 19-0. Dan huwa tragward storiku għat-tim nazzjonali malti tar-rugby għaliex din hija l-ewwel darba li Malta qatt rebħet din il-kompetizzjoni.
Is-Segretarju Palamentari Chris Agius bagħat l-awguri tiegħu lill-plejers, kowċ u staff tekniku tat-tim nazzjonali, lill-President tal-MRFU Brian Dalton u l-amministrazzjoni kollha tal-Malta Rugby Football Union.
Fid-dawl ta’ dan ir-riżultat, Agius qal li l-Gvern japprezza l-isforzi li tagħmel l-MRFU u qiegħed f’taħdidiet sabiex jinstab sit fejn pajjiżna jkollu wkoll il-faċilita’ dedikata lil dan l-isport.