Pajjiżna jinsab pass eqreb li jara l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin għal safar sigur. Dan wara li l-Ġimgħa ġie ppubblikat avviż legali li jippermetti safar biċ-ċertifikat tal-vaċċin lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.
Dan iċ-ċertifikat, li jippermetti l-ivjaġġar lejn dawn il-pajjiżi mhux Ewropej juri jekk il-persuna tkunx imlaqqma kontra l-Coronavirus.
Dan b’differenza għal dak li mistenni jkun addottat wara vot mill-Kunsill Ewropew għal vjaġġar bejn l-istati membri, hekk kif dan mistenni jkun fih ukoll dettalji dwar infezzjoni li l-persuna tkun ħadet bil-virus fil-passat.
Iċ-ċertifikati li ser jippermettu vvjaġġar lil hinn mill-konfini Ewropej ser ikunu disponibbli mill-aħħar ta’ Mejju u ser ikunu maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci. Dawn jinħarġu lil kull persuna li tkun ilha ġimagħtejn minn meta ħadet it-tieni doża tal-vaċċin u jistgħu jingħataw kemm b’mod diġitali iżda wkoll fuq dokument stampat.
Malta qiegħda wkoll f’diskussjonijiet bilaterali mar-Renju Unit sabiex b’mod ugwali jkunu rikonoxxuti persuni mlaqqma kompletament u dawn jitħallew jivjaġġaw bla xkiel bejn iż-żewġ pajjiżi.