Malta qed tipproponi li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li titlob lis-Segretarju Ġenerali tal-UN jikkunsidra panel jew mekkanimu apposta biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tax-xogħol dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani li jagħmlu n-Nazzjonijet Uniti.
Waqt żjara statali fil-Ġappun, il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza symposium organizzat mill-Fondazzjoni Ġappuniża Nippon, bit-tema Protecting our Oceans for Present and Future Generations.
Il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern ippropona, skont regoli tal-proċedura tal-UN, it-tema Safeguarding Ocean Space for Present and Future Generations fis-sessjoni li jmiss. Dan il-panel jew mekkaniżmu ġdid li qed jipproponi l-Gvern Malti jkun jista’ jgħaddi rakkomandazzjonijiet utli u joffri soluzzjonijiet dwar strateġija globali biex problemi fl-oċeani jkunu kkunsidrati b’mod ħolistiku.
“Nittama li l-inizjattiva tagħna jkollha appoġġ wiesa, biex b’hekk ikun assigurat l-implimentazzjoni tagħha fl-interess tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri. L-oċeani tagħna għandhom bżonn il-protezzjoni tagħna daqskemm għandna bżonnhom aħna biex ngħixu”, qal il-Prim Ministru Muscat.
Il-Gvern Malti hu mpenjat li jipproteġi l-oċeani u jizviluppa l-ekonomija marittima tiegħu. Muscat fakkar kif dan il-Gvern ta status ta’ protezzjoni lil 30% taż-żona marittima madwar il-Gżejjer Maltin, u li Malta qed tara żieda fin-numru ta’ vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija, biex illum għandha l-ikbar reġistru ta’ vapuri fl-Ewropa.
Aktar kmieni tul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kien preżenti għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Fondazzjoni Nippon għal ħidma konġunta fil-protezzjoni tal-oċeani.