Pajjiżna qed jappella lill-Unjoni Ewropea biex minnufih din twettaq missjoni umanitarja biex tgħin l-immigranti fil-Libja.
F’messaġġ li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq li Malta qed tipproponi pakkett Ewropew ta’ mill-inqas mitt miljun ewro biex jgħin f’din il-missjoni umanitarja.
“Din l-assistenza mill-Unjoni Ewropea trid tkun imminenti u sostanzjali – illum u mhux għada – u aħna qed nipproponu pakkett Ewropew ta’ mill-inqas €100 miljun f’ikel, għajnuna, mediċina u apparat mediku. Dan m’huwiex żmien li nagħmlu l-affarijiet nofs kedda, Malta lesta li tilgħab rwol f’dan kollhu – u ser inkunu hemm biex naraw li din l-għajnuna umanitarja tasal fid-destinazzjoni tagħha.”
Il-Ministru żied jgħid li l-Gvern Malti lest jgħin lill-Libja fix-xiri ta’ apparat mediku, li bħalissa mhux sempliċi biex issib, biex jingħata trattament ta’ saħħa fil-Libja.
“Malta qed tipproponi din it-triq biex issalva l-ħajjiet illum, biex niġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin u biex jiġu evitati iżjed traġedji umani bejn sema u ilma”, saħaq fil-mesaġġ tiegħu, il-Ministru Bartolo.
B’ton ċar, Malta qalet lill-Ewropa li issa m’huwiex iż-żmien tal-paroli issa neħtieġu azzjoni llum qabel għada.
“Malta lesta li tilgħab parti, iżda qed nagħmluha ċara ħafna li din l-isfida ta’ dimensjoni Ewropea titlob rispons ta’ daqs Ewropew. Jekk Malta ser titħalla waħidha tiffaċċja din il-kriżi sproporzjonata – nies, tfal, nisa tqal u vittmi ta’ stupru ser imutu. Pajjiż b’popolazzjoni daqs ta’ belt Ewropea żgħira ma jistax jintalab li issolvi kollox hu, f’nofs pandemija, u wara snin ta’ żbalji u inazzjoni minn naħa ta’ pajjiżi Ewropej ġewwa l-Libja u fuq l-immigrazzjoni.”
Il-Ministru Evarist Bartolo fisser kif filwaqt li fl-isptarijiet madwar l-Ewropa qed niġġieldu kontra l-kriżi tal-Coronavirus, minn naħa l-oħra qed tiżviluppa kriżi maġġuri oħra wara l-istess bieb tal-Ewropa.
“Il-kunflitt fil-Libja ilu għaddej għal numru ta’ xhur u l-pandemija tal-Coronavirus kompliet tiddeterjora s-sitwazzjoni”, spjega l-Ministru li saħaq kif fl-aħħar snin Malta salvat eluf ta’ nies u għamlet ferm aktar mill-obbligi legali fil-kuntest ta’ salvataġġ.
Sadanittant l-aġenzija għall-fruntiera Ewropea u għall-għassa tax-xtut, il-Frontex ikkonfermat li d-dinghy abbandunat li deher bejn Malta u l-Libja mhux riżultat ta’ xi traġedja fil-baħar.
Il-Frontex xejnet allegazzjonijiet li saru u sostniet li d-dinghy li ntlemaħ fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fl-ibħra Libjani aktarx tħalla għal riħu, abbandunat, wara li l-immigranti li kienu fuqu ġew salvati.
L-aġenzija Frontex spjegat li d-dinghy ma kellux magna mqabbda miegħu u l-awtoritajiet Taljani sabu rabta bejn dan id-dinghy u operazzjoni ta’ salvataġġ li saret fil-passat.