Pajjiżna flimkien ma’ stati żgħar oħra li wkoll huma ġżejjer, ingħaqdu f’ħidma favur l-użu ta’ aktar sorsi ta’ enerġija rinovabbli.
Dan f’laqgħa fil-konfini tal-Konferenza tal-Ġnus Magħquda għat-Tibdil fil-Klima, il-COP28 li qed issir f’Dubaj.
F’isem pajjiżna kien hemm il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli li f’kummenti mal-midja tkellmet dwar dak li ġie diskuss.
Fost l-oħrajn, hija nnutat l-avvanz li għamel pajjiżna fir-rigward tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa, u tkellmet fuq l-impenn politiku tal-Gvern għall-ġejjieni.
Qalet, “Pajjiżna qed iħares lejn alternattivi differenti ta’ kif jista’ jżid ir-rinovabbli u wara li għamilna l-policy dwar l-off-shore renewables fl-ibħra li huma bejn it-tnax-il mil nawtiku u l-ħamsa u għoxrin mil nawtiku ‘il bogħod mill-kosta tagħha qegħdin inħarsu lejn proġetti oħra li jistgħu ikunu alernattiva u li huma eqreb lejn il-kosta. Għal dan il-għan għaddejjin b’numru ta’ diskussjonijiet biex eventwalment naraw ukoll x’interess jista’ jkun hemm mill-privat biex dawn il-proġetti jimmaterjalizzaw.”
F’din il-laqgħa ġiet nnutata wkoll il-vulnerabbiltà li huma esposti għaliha gżejjer żgħar għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Madanakollu, bħal Malta jinsabu f’vantaġġ kompetittiv hekk kif jistgħu jagħmlu użu mill-ibħra tagħhom biex jiġġeneraw enerġija nadifa u ma jkomplux jikkontribwixxu għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.