Fil-ġimgħa Ewropea ddedikata lin-negozji żgħar u medji, ġie nnutat l-impenn tal-Gvern Malti li jipprovdi l-għodod neċessarji lil dawn in-negozji għall-qabża diġitali.
F’pajjiżna qed jittellgħu bosta attivitajiet minn diversi entitajiet fosthom il-MIMCOL, Tech.mt, l-MDIA u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri saħaq kif l-għan tal-Gvern huwa li dejjem iżid il-kollaborazzjoni man-negozji biex ikun ta’ spalla. Dan huwa rifless fid-deċiżjonijiet tal-Gvern, li juru kemm in-negozji żgħar u medji huma fil-qalba tal-ekonomija Maltija.
Spjega kif il-pandemija wriet bl-aktar mod ċar, l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fin-negozji tagħna.
Qal, “Fil-fatt l-aspett diġitali huwa wieħed mill-pedamenti tal-viżjoni ekonomika li qed inħejju. Iż-żmien tal-pandemija wera aktar minn qatt qabel kemm hu importanti li n-negozji jisfruttaw aktar l-apsett diġitali.”
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia, innota kif jeżistu teknoloġiji industrijali li għandhom impatt pożittiv fuq l-ambjent.
Qal, “Dawn it-tekonoloġiji kemm b’inizjattiva tal-imprendituri kif ukoll b’ħafna inċentivi illi qiegħed joħroġ il-Gvern, naħseb li qed ikun hemm titjib u progress.”
Il-Ministru Schembri elenka diversi miżuri fil-Budget għas-sena d-dieħla li se jtejbu l-operat ta’ dawn in-negozji.
Fosthom l-immodernizzar taż-Żoni Industrijali b’investiment ta’ erba’ mija u sebgħin miljun ewro, li se jżid aktar spazji fil-Marsa, Ħal Far, Bulebel, Kordin u San Ġwann, mingħajr ma tittieħed ebda art li mhix fiż-żona tal-iżvilupp.