Għall-ewwel darba ġie ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Lingwi tas-Sinjali mill-Ġnus Magħquda.
Malta, permezz tas-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis u membri tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (KLSM), ipparteċipat fl-avvenimenti li ġew organizzati fil-kwartieri tal-Ġnus Magħquda fl-Ewropa, f’ Ġinevra, l-Isvizzera. Malta kienet wieħed mill-erba’ pajjiżi li kkollaboraw mal-Ġnus Magħquda f’din iċ-ċelebrazzjoni, bir-rappreżentanti tagħha jieħdu rwol prinċipali fl-indirizzi u fid-diskussjonijiet li seħħew.
Ir-rappreżentanti Maltin, flimkien mad-delegazzjoni Maltija li kienet preżenti f’Ġinevra wara li pparteċipat fl-20 sessjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda, ħadu sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-pop-up café, li ġiet inawgurata mis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis u mill-KLSM flimkien mal-UN Human Rights Council’s Accessibility Taskforce u Swiss Federation of the Deaf. L-iskop tal-pop-up café hu li tintuża biss il-lingwa tas-sinjali biex tikkomunika. B’hekk il-persuni li jisimgħu jkollhom l-opportunità li jitgħallmu din il-lingwa u jikkomunikaw mal-komunità deaf.
Malta pparteċipat fi screening u f’diskussjoni ta’ film qasir, The Silent Child, li juri kemm hu essenzjali li persuna Deaf ikollha d-dritt – fil-qafas ukoll tad-dritt għall-aċċessibilità – li tuża l-lingwa tas-sinjali fil-ħajja ta’ kuljum. Din hi realtà li f’Malta issa hi protetta mil-liġi mill-2016 ’l hawn.
Is-Segretarju Parlamentari u l-membri tal-KLSM taw kontribut waqt panel ta’ esperti organizzat mill-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda filwaqt li ġie organizzat working dinner bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali għolja tal-World Federation of the Deaf, European Union of the Deaf, Swiss Federation of the Deaf u tal-Filippini, l-International Disability Alliance u l-European Disability Forum.
Anthony Agius Decelis qal li l-Gvern Malti ta prijorità lill-komunità deaf billi waqqaf il-KLSM, stabbilixxa l-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala lingwa uffiċjali, joffri support għat-taħriġ ta’ interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali u joffri korsijiet bażiċi fil-komunità minn żmien għal żmien. Ta wkoll prominenza lill-introduzzjoni ta’ sotto-titoli fi produzzjonijiet televiżivi kif ukoll introduċa hearing loop systems.
Annabelle Xerri, chairperson tal-KLSM, qalet li importanti li nagħrfu u nippromwovu l-użu tal-lingwa tas-sinjali bħala mezz essenzjali ta’ komunikazzjoni u ta’ aċċessibilità għal persuni deaf. Saħqet li hemm bżonn aktar għarfien ma’ persuni li jisimgħu speċjalment ma’ ġenituri ta’ tfal deaf dwar l-importanza li t-tfal ikunu bilingwali billi jitgħallmu mhux biss il-lingwa mitkellma iżda wkoll il-lingwa tas-sinjali biex ikollhom aċċessibilità speċjalment fl-edukazzjoni tagħhom. Dan id-diskors dwar aċċessibilità u drittijiet bażiċi saħaq ukoll dwarhom George Vella, rappreżentant ieħor tal-KLSM. Tkellmu dwar il-bżonn ta’ networking anke fuq livell internazzjonali biex mhux biss Malta tkompli tieħu spunti minn dak li jagħmlu komunitajiet oħra deaf imma wkoll biex dak li ksibna nkunu nistgħu naqsmuh u nippromwovuh ma’ ħaddieħor.
Ritratti (MFCS_PS)