Aktar minn 50 pajjiż minn madwar id-dinja fosthom Malta attendew għall-ewwel Buildings and Climate Global Forum, organizzat f’Pariġi.
Matul il-Forum internazzjonali ġew trattati diversi temi inkluż l-użu tal-building codes f’pajjiżi differenti, il-qalba għal binjiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-bini u I-iffinanzjar tal-bini ekoloġiku għall-aktar żvilupp sostenibbli.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u ministri oħrajn li kienu preżenti ddiskutew ukoll u qablu fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Chaillot. Din id-dikjarazzjoni għandha l-għan li twassal għal aktar kollaborazzjoni internazzjonali u impenn kemm mill-gvernijiet u partijiet ikkonċernati prinċipali fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.
Il-Ministru Attard enfasizza fuq l-importanza ta’ dan il-Forum fuq livell internazzjonali.
“Kienet okkażjoni importanti fuq livell internazzjonali li matula bħala pajjiż irrijafermajna l-impenn politiku tagħna mhux biss fuq livell nazzjonali u Ewropew imma wkol internazzjonali biex nassiguraw li nkomplu ngħollu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni u anka l-aspett ambjentali.”