Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti kien wieħed mill-kelliema waqt dibattitu internazzjonali dwar il-futur tal-governanza diġitali fil-World Government Summit li sar f’Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda.
F’diskors li għadda, huwa semma d-diversi inizjattivi, li ħa l-gvern Malti fit-transizzjoni lejn soċjetà u ekonomija aktar diġitalizzata, li għandha twassal ukoll għal servizzi pubbliċi aktar effiċjenti.
Matul iż-żjara tiegħu, huwa kellu laqgħat mal-Ministru għall-Edukazzjoni Pubblika u t-Teknoloġija Avvanzata tal-UAE, Sarah Al Amiri, u l-Ministru taż-Żgħażagħ tal-UAE, Sultan Saif AlNeyadi.
Il-laqgħat iffukaw fuq il-possibilità ta’ kollaborazzjonijiet ġodda fil-politika taż-żgħażagħ u programmi relatati, kif ukoll dwar teknoloġiji spazjali.
Iż-żjara ħabtet ukoll maċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku u tas-settur pubbliku Malti li pparteċipaw b’suċċess fl-ewwel edizzjoni tal-Executive Leadership Programme, programm internazzjonali ta’ taħriġ u żvilupp ta’ uffiċjali għolja tal-gvern offrut mill-Gvern tal-UAE, wara ffirmar ta’ qbil bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-UAE.
Aktar tard din is-sena hija mistennija li titnieda edizzjoni ġdida ta’ dan il-programm mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.
Waqt din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat minn uffiċjali mill-MCST u l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Emirati Għarab Magħquda, Maria Camilleri Calleja.