Il-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO pparteċipat fl-inawgurazzjoni ta’ ‘Colours for the Planet’, wirja tal-Arti fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO f’Pariġi.
Il-Kummissjoni Nazzjonali f’Malta tospita Art Camp kull sena u l-aħħar Art Camp sar f’Novembru 2022.
Art Camp hija laqgħa ta’ pitturi minn pajjiżi differenti, li jgħixu u jaħdmu flimkien għal madwar 10 ijiem. Minbarra l-karattru artistiku tal-Art Camp, l-għanijiet tiegħu huma li joħloq l-ambjent biex l-artisti jipparteċipaw fil-ħolqien ta’ kultura ta’ djalogu, rispett u għajxien flimkien. Art Camp oriġinarjament kienet inizjattiva tal-Kummissjoni Andorrana li bdiet fl-2008.
Il-mudell Art Camp Andorra ġie adottat f’diversi pajjiżi oħra fosthom Malta, li ilha tospita Art Camps mill-2015, Ruma, u l-Emirati Għarab Magħquda. Il-ġimgħa li għaddiet, dawn l-erba’ pajjiżi qablu li jipparteċipaw flimkien f’wirja waħda fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO f’Pariġi, l-organizzazzjoni li tpoġġi l-edukazzjoni u d-diversità kulturali fiċ-ċentru tal-isfidi u t-tamiet kollha. Il-fatt li l-wirja ‘Colours for the Planet’ saret f’dan il-post jikkontribwixxi biex juri l-qawwa tal-arti għall-paċi.
Ix-xogħlijiet tal-arti esebiti jirrappreżentaw l-erba’ kollezzjonijiet tal-aħħar erba’ Art Camps li saru fil-pajjiżi msemmija hawn fuq. Ta’ min jinnota li Madame Hedva Ser, Ambaxxatur ta’ Rieda Tajba tal-UNESCO għad-Diplomazija Kulturali, ilha l-patruna tal-proġett Art Camp sa mill-2012. Is-Sur Philip Cassar, Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO attenda għall-Wirja u kien akkumpanjat mis-Sur Anthony Vella li bħala Kuratur għen fit-twaqqif tal-pitturi tal-Art Camp Malta.
Din il-wirja fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO tat opportunità biex jiskopru l-esperjenzi li għexu l-artisti, id-djalogu li setgħu jistabbilixxu grazzi għal-lingwaġġ universali tal-pittura.