Malta pparteċipat fil-konferenza internazzjonali ‘Our Ocean’, bit-tema ‘Baħar ta’ Potenzjal’, li ttellgħet f’Ateni, il-Greċja. Din il-konferenza sarrfet biex il-pajjiżi kollha kkommettew ħdax punt tliet biljun ewro, li se jissarrfu f’bosta miżuri favur l-ħarsien u s-sostenibbiltà tal-ibħra.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, sostniet l-impenn ta’ Malta favur il-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-baħar, permezz ta’ bosta azzjonijiet, li, fost oħrajn, se jwasslu għal aktar investiment u tisħiħ fl-oqsma tas-sajd u l-akkwakultura.
Fl-intervent tagħha, waqt sessjoni plenarja dwar l-isfidi u l-opportunitajiet fil-baħar Mediterran, is-Segretarju Parlamentari saħqet kif il-Mediterran hu baħar uniku, imdawwar b’kosta estiża li tmiss ma’ 22 pajjiż, fosthom Malta.
Spjegat kif dawn il-pajjiżi jaqsmu bosta riżorsi, li bihom jiġġeneraw diversi attivitajiet ekonomiċi, u għalhekk hu kruċjali li l-pajjiżi tal-Mediterran ikomplu jaħdmu u jikkoperaw flimkien biex ikollna ekonomija blu dejjem aktar sostenibbli u riġenerattiva.
“Jiena tkellimt fuq l-importanza li nkomplu naħdmu fuq is-sostenibiltà tas-sajd tagħna. Li nkomplu nagħtu s-sostenn lis-sajjieda biex, iva, naraw li dan is-settur jibqa’ wieħed sostenibbli u jibqa’ jirriġenera ruħu.”
Fl-intervent li għamel ukoll, l-eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella enfasizza fuq l-importanza ta’ din il-konferenza, li twassal għal azzjonijiet konkreti favur l-oċeani u l-bosta komunitajiet li jiddependu minnhom.
Hu tenna kif din il-konferenza u edizzjonijiet oħrajn preċedenti, fosthom dik li saret f’Malta fl-2017, huma importanti.
“Ħadna parti attiva ħafna fid-disa’ konferenza fuq l-oċean, li qegħda ssir f’Ateni. Il-fatt li hawnhekk hawn is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, hawn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ambjent, kif ukoll jien qed nirrappreżenta l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, naħseb li hu sinjal ċar li Malta għadha committed għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani.”
Jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari fil-konferenza kien hemm l-Ambaxxatur Malti għall-Greċja Joseph Cuschieri.