Fi Brussell, il-Ministru Silvio Schembri pparteċipa fil-Laqgħa tal-Kunsill tat-Telekomunikazzjoni għall-Ministri tal-UE, fejn intlaħqu żewġ ftehimiet politiċi importanti, wieħed dwar ir-Regolament għall-Armonizzazzjoni tar-Regoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-ieħor dwar il-qafas għat-twaqqif tal-Identità Diġitali Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tiżgura li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali mqiegħda fis-suq tal-UE u użati madwar l-UE jkunu sikuri u jirrispettaw id-drittijiet u l-valuri fundamentali. Barra minn hekk, iridu jiżguraw iċ-ċertezza legali, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-investiment u l-innovazzjoni fl-intelliġenza artifiċjali.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Schembri rringrazzja lill-Presidenza Ċeka u lill-presidenzi l-oħra kollha preċedenti, kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea, għax-xogħol kollu li sar fuq dan is-suġġett, kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji. Fisser il-ħidma li Malta qed tagħmel f’dan il-qasam biex tinħoloq ekosistema nazzjonali soda u enfasizza l-appoġġ ta’ Malta għan-negozjati li ġejjin mal-Parlament Ewropew biex dawn jgħaddu.
Dwar l-Identità Diġitali Ewropea (E-ID), proposta li se tiffaċilita l-identifikazzjoni elettronika madwar l-Ewropa, il-Ministru Schembri esprima l-appoġġ ġenerali ta’ Malta peress li dan jagħti liċ-ċittadini u lin-negozji kontroll sħiħ tad-data personali tagħhom b’mod sikur, kemm fis-servizzi pubbliċi kif ukoll dawk privati madwar l-UE. Il-kunċett tal-kartiera diġitali huwa wkoll parti intrinsika mill-manifest elettorali tal-Gvern Malti, proġett li jagħti liċ-ċittadini Maltin għodda għaż-żamma ta’ dokumenti elettroniċi.