F’laqgħa importanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Lvant Nofsani, Malta baqgħet tinsisti fuq prijorità waħda – il-bżonn li jitwaqqaf il-qtil u t-tbatijiet tal-familji f’dan ir-reġjun.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, wassal dan il-messaġġ fil-binja tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, fil-preżenza tal-mezzi tal-midja Maltija li ngħataw l-opportunità li jsegwu mill-qrib ix-xogħol li qed isir minn Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Il-Ministru Borg kien skjett fil-messaġġ tiegħu; li fl-isfond ta’ wieħed mill-aktar perjodi volatili fl-istorja tal-Lvant Nofsani, hemm bżonn li kulħadd jagħti sehmu biex jiġi evitat kunflitt fuq skala sħiħa.
Qal li dak li ġara fl-aħħar sitt xhur, instigat mill-attakki tal-Hamas fis-sebgħa t’Ottubru li għadda, huwa prova ċara tal-importanza ta’ waqfien immedjat mill-ġlied f’Gaza u l-bżonn li jerġgħu jinbnew orizzonti politiċi fil-Lvant Nofsani.
Tenna t-talba f’isem il-Kunsill, li l-Hamas jeħilsu l-ostaġġi b’mod immedjat u bla ebda kundizzjonijiet.
Innota iżda li f’Gaza, mhumiex biss l-ostaġġi li qed ibatu, hekk kif aktar minn tlieta u tletin elf Palestinjan inqatlu – il-maġġoranza nisa u tfal. Dan filwaqt li eluf oħra għadhom nieqsa jew maqbuda taħt it-tifrik ta’ binjiet imġarrfa. Ma’ dawn hemm il-biża’ ta’ aktar telf ta’ ħajjiet ta’ tfal innoċenti minħabba nuqqas ta’ ikel u ilma.
Fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn pajjiżi differenti minn madwar id-dinja, u anki s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, Malta tenniet li ċ-ċaħda ta’ għajnuna umanitarja hija ksur gravi tal-liġi internazzjonali.
Il-Ministru Borg innota kif l-effetti tal-gwerra f’Gaza qed jirriżultaw f’eskalazzjoni fit-tensjonijiet fir-reġjun fosthom anki fil-Libanu, fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Yemen.
Malta saħqet li riżoluzzjoni ġusta dwar il-kunflitt, titlob realtà li tħaddan l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Palestinjani għal sħubija fin-Nazzjonijiet Magħquda u li anki jkun hemm rikonoxximent ta’ Stat.
L-istess riżoluzzjoni għandha tinkludi wkoll realtà fejn il-poplu ta’ Iżrael jgħix f’sigurtà, mingħajr ma ħadd jinżamm ostaġġ bil-biża’ tat-theddid tat-terroriżmu.
Il-Ministru Malti saħaq li l-parametri tar-realizzazzjoni ta’ din il-viżjoni huma magħrufa u għandhom jiġu trattati bħala urġenti.
Malta tenniet l-impenn tagħha għal soluzzjoni politika komprensiva msejsa fuq soluzzjoni ta’ żewġ stati, fejn jiġu indirizzati l-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ naħat, li jgħixu f’paċi u sigurtà.
Intant, fost dawk li ndirizzaw din il-laqgħa, kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, li bħall-Ministru Malti saħaq li l-imwiet f’din il-gwerra huma kbar u bla preċedent, fejn qed jinqatlu eluf ta’ ħajjiet innoċenti.