Malta, permezz tal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, innegozjat b’suċċess deroga li biha proġett ta’ pipeline tal-idroġenu (hydrogen) jibqa’ meqjus bħala proġett ta’ interess komuni għall-Ewropa, biex b’hekk jista’ jikkwalifika għal fondi Ewropej.
Ħabbar dan il-Gvern fi stqarrija, is-Sibt filgħodu hekk kif spjega li din id-deroga se tkun qed tapplika għal Malta u Ċipru u ġiet innegozjata waqt il-Kunsill tal-Enerġija li ltaqa’ f’Lussemburgu. Fil-fatt, il-Kunsill qabel fuq ir-Reviżjoni tat-Trans-European Energy Regulation. Dan il-ftehim huwa l-ewwel pass u jrid jiġi kkonfermat wara diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet differenti.
L-istqarrija kompliet tgħid kif il-Ministru Dalli nnegozjat biex stat membru Ewropej bħalma hu Malta jkun marbut mal-grid Ewropew anke fejn jidħol l-użu tal-idroġenu fil-futur.
Waqt id-diskussjoni, il-Ministru Dalli nsistiet li l-Unjoni Ewropea għandha tifhem ir-realtajiet ta’ stati żgħar bħalma huma Malta.
“Dan huwa l-ewwel pass biex naċċertaw ruħna li nkunu f’pożizzjoni li għada pitgħada, meta l-idroġenu jkun disponibbli fl-Ewropa, inkunu nistgħu napplikaw għall-infrastruttura biex l-ebda pajjiż ma jkun iżolat minn networks Ewropej,” qalet il-Ministru.
Waqt il-laqgħa ġiet diskussa l-istrateġija tal-idroġenu Ewropea favur in-newtralità għall-klima. Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li l-idroġenu jista’ jikkontribwixxi b’mod b’saħħtu għall-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għal dikarbonizazzjoni tal-klima u l-enerġija sal-2050.